Kodiċi ta' kondotta
L-applikanti huma eliġibbli biex jiddaħħlu fir-Reġistru tat-Trasparenza jekk isegwu ċerti regoli u prinċipji etiċi u tal-imġiba matul ix-xogħol tagħhom ta’ rappreżentanza tal-interessi mal-istituzzjonijiet tal-UE.
Dawn ir-regoli u l-prinċipji huma stabbiliti f’kodiċi ta’ kondotta anness mal-Ftehim interistituzzjonali u huma miġbura fil-qosor hawn taħt.
-----
Ir-reġistranti għandhom:
(a) fir-relazzjonijiet tagħhom ma’ kwalunkwe istituzzjoni tal-UE dejjem jidentifikaw ruħhom bl-isem u n-numru ta’ reġistrazzjoni u jiddikjaraw għal liema organizzazzjoni(jiet) jaħdmu jew jirrappreżentaw
(b) jiddikjaraw l-interessi u l-għanijiet li jippromwovu kif ukoll jispeċifikaw il-klijenti jew il-membri li jirrappreżentaw kif ukoll, fejn applikabbli, in-numru tar-reġistrazzjoni tagħhom
(c) ma jiksbux jew ma jippruvawx jiksbu informazzjoni jew deċiżjonijiet b’mod diżonest jew bl-użu ta’ pressjoni mhux dovuta, aġir inkorrett jew lingwaġġ offensiv
(d) ma jabbużawx mir-reġistrazzjoni tagħhom għal qligħ kummerċjali jew ifixklu jew jirrappreżentaw ħażin l-effett tar-reġistrazzjoni
(e) ma jagħmlux ħsara għar-reputazzjoni tar-reġistru jew jikkawżaw preġudizzju lill-istituzzjonijiet tal-UE, jew jużaw il-logos tagħhom mingħajr awtorizzazzjoni espliċita
(f) jiżguraw li l-informazzjoni li jipprovdu meta jirreġistraw tkun kompluta, aġġornata, preċiża u mhux qarrieqa, u jaqblu li din issir pubblika
(g) isegwu r-regoli, il-kodiċijiet u l-linji gwida rilevanti stabbiliti mill-istituzzjonijiet tal-UE
(h) ma jħeġġux lill-Membri tal-PE, lill-Kummissarji jew lill-istaff tal-UE jiksru r-regoli u l-istandards ta’ mġiba applikabbli għalihom
(i) jekk jimpjegaw ex Membri tal-PE, Kummissarji jew staff tal-UE, isegwu r-rekwiżiti u r-regoli ta’ kunfidenzjalità li huma marbuta bihom wara li jitilqu mill-istituzzjoni tagħhom, biex jipprevjenu l-kunflitti ta’ interess
(j) fejn ikunu involuti f’relazzjoni bejn il-klijent u l-intermedjarju:
(i) jiżguraw li l-partijiet kollha jiġu rreġistrati
(ii) jiżguraw li l-informazzjoni rilevanti dwar ir-relazzjoni tiġi ppubblikata
(k) fejn jesternalizzaw ċerti kompiti ta’ rappreżentanza lil partijiet terzi li mhumiex irreġistrati, jiżguraw li dawn isegwu standards etiċi li huma ekwivalenti għal dawk li japplikaw għar-reġistranti
(l) jippreżentaw lis-segretarjat, jekk mitluba, materjal ta’ appoġġ li juri l-eliġibbiltà tagħhom u l-preċiżjoni tal-informazzjoni sottomessa, u jikkooperaw b’mod sinċier u kostruttiv mas-segretarjat
(m) jirrikonoxxu li jistgħu jiġu soġġetti għall-proċeduri ta’ investigazzjoni u, fejn applikabbli, għall-miżuri previsti fl-Anness III
(n) jiżguraw li kwalunkwe wieħed mill-impjegati tagħhom involut fl-attivitajiet ta’ rappreżentazzjoni jiġi infurmat dwar l-impenn tiegħu bħala reġistrant biex josserva dan il-kodiċi ta’ kondotta
(o) jinfurmaw lill-klijenti jew lill-membri li jirrappreżentaw dwar l-impenn tagħhom li josservaw dan il-kodiċi
(p) isegwu, u jevitaw li jostakolaw ir-regoli u l-arranġamenti speċifiċi dwar l-aċċess u s-sigurtà stabbiliti mill-istituzzjonijiet firmatarji.
-----
Biex tinnotifika lis-segretarjat bi kwalunkwe ksur tal-kodiċi minn reġistrant, jekk jogħġbok uża l-formola fil-paġna web tal-ilmenti.